Moviment Graffitti logo
Loading Events

Events

Konferenza Stampa – LE għal Solar Farms flok Raba’

📣 Nhar is-Sibt 21 ta’ Mejju fl-10.30am, ser ningħaqdu mal-bdiewa u r-residenti tal-Imġarr fi Triq San Pietru biex inwasslu t-tħassib serju tagħna dwar l-appell imressaq mill-applikant tas-solar farm fuq ir-raba’ fl-Imġarr.

😮 Dan wara li l-applikant, Joseph Schembri tal-Electrofix, stqarr li biddlu l-pjanijiet wara “diskussjonijiet” ma’ xi Ministri. Din hija mossa oxxena għax appell suppost isir fuq il-pjanti eżatt kif ġew preżentati lill-Bord tal-Ippjanar.

📝 L-appell huwa proċess legali fejn persuna jew kumpanija tappella quddiem it-Tribunal kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, li f’dan il-każ kienet irrifjutat l-applikazzjoni. Waqt appell, la jistgħu jiġu preżentati pjanijiet ġodda u wisq anqas jiġi diskuss il-każ mal-Ministri.

⚠️ L-iżvilupp propost jinvolvi l-bini ta’ serer u pannelli solari. Il-pannelli solari, f’dan il-każ, m’għandhom l-ebda vantaġġ għaliex l-uċuh tar-raba’ li beħsiebhom ikabbru fihom ser jaqgħu fid-dell tagħhom, jiġiferi l-ħxejjex mhux se jkollhom xemx diretta fuqhom. Il-bdiewa tal-inħawi jinnutaw li, x’aktarx, xejn mhu ser ikun jista’ jikber hawnhekk u li l-proġett huwa biss skuża għal iktar żvilupp.

🚜 Apparti minn hekk se nisħqu li l-iżvilupp propost huwa proġett massiv fuq ODZ li se jokkupa madwar 38 tomna ta’ raba’ li jinħadem – id-daqs ta’ 6 grawnds tal-futbol.

👉 Kulħadd huwa mistieden jattendi l-Konferenza Stampa.