Moviment Graffitti logo
Loading Events

Events

Il-Mina għall-Karozzi – x’ser issolvi?

🎥 Id-diskussjoni ser tixxandar live.

Il-kelliema jinkludu:

🟢 Daniel Cilia, fotografu stabbilit u magħruf għall-kontribuzzjoni tiegħu favur il-preservazzjoni tas-sbuħija, il-kultura, u l-wirt storiku tal-gżejjer Maltin.
🟢 Sean Zammit f’isem l-Association for Gozitan Employees in Malta (AGEM)
🟢 Mark Farrugia f’isem il-Gozo University Group (GUG)
🟢 Joe Muscat f’isem il-Gozo Tourism Association (GTA)
🟢 Joseph Borg f’isem il-Gozo Business Chamber (GBC)
🟢 Samuel Azzopardi f’isem il-Kunsill Reġjonali t’Għawdex
🟢 Alex Torpiano f’isem Din l-Art Ħelwa
🟢 Ronald Camilleri, accountant b’MSc f’Environmental Planning and Management u b’esperjenza vasta fis-settur tal-investiment.
🟢 Rachel Radmilli, antropologa u lekċerer fi ħdan l-Università ta’ Malta.

🎤 Id-diskussjoni se tkun qed tiġi mmoderata minn Karl Azzopardi, ġurnalist mal-MaltaToday.

Kulħadd jagħraf il-bżonn li l-isfidi ta’ konnettività u mobbiltà li jaffaċċja Għawdex u l-Għawdxin jeħtieġ li jiġu indirizzati b’urġenza. Il-Gvern qed isostni li mina għall-karozzi privati hija l-aħjar soluzzjoni għal dawn l-isfidi. Min-naħa l-oħra, hemm min huwa tal-fehma li l-proġett ta’ mina għall-karozzi privati mhux se jkun qed isolvi l-isfidi soċjali u ekonomiċi li taffaċċja l-komunità Għawdxija b’mod ħolistiku u sostenibbli.

Għalhekk, b’kollaborazzjoni mal-MaltaToday, u flimkien ma’ għadd ta’ għaqdiet oħra, fosthom Moviment Graffitti, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, BirdLife Malta u The Archaeological Society Malta, qed norganizzaw dibattitu online bejn għadd ta’ kelliema li ġejjin minn oqsma differenti tas-soċjetà sabiex niddiskutu l-implikazzjonijiet ta’ mina għall-karozzi.

Nemmnu li fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar dan il-proġett, hemm bżonn li jinħoloq spazju għal dibattitu miftuħ u pubbliku biex inqisu verament l-implikazzjonijiet tal-mina għal Għawdex u flimkien nippruvaw nwieġbu l-mistoqsijiet marbuta ma’ dan il-proġett.

❓ Saru biżżejjed studji u riċerka li jindikaw li mina għall-karozzi privati hija verament l-aħjar soluzzjoni ta’ konnettività għall-Għawdxin?
❓ B’kemm se jkun qed jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar?
❓ Jeżistu alternattivi ta’ mezzi ta’ trasport aktar vijabbli, effikaċi u sostenibbli mill-mina?
❓ Kemm se jkun jiswa n-noll biex wieħed jaqsam bil-karozza minn ġol-mina?
❓ Fid-dawl tal-pandemija u l-effett devastanti li din ħalliet fuq l-ekonomija, il-proġett tal-mina għadu finanzjarjament vijabbli?
❓ X’effett se jkollha fuq is-settur turistiku Għawdxi?
❓ Il-mina se tkun qed twitti t-triq għal aktar żvilupp f’Għawdex?
❓ X’tip ta’ impjiegi u investimenti ġodda se tkun qed toħloq il-mina għall-Għawdxin?
❓ Il-mina se tkun qed taqdi l-bżonnijiet tal-ħafna jew tal-ftit?