Moviment Graffitti logo

Latest News

Vjaġġ Lura għall-Ħajja – Claria Cutajar

Malta tibqa’ pajjiż b’wieħed mill-aktar liġijiet stretti tal-abort fid-dinja. Dan apparti n-nuqqas ta’ servizzi tal-ippjanar tal-familja u l-kontraċezzjoni b’xejn…

Nhar it-Tlieta 21 ta’ Ġunju, smajna bl-istorja ta’ Andrea Prudente, mara tqila fl-isptar ta’ Mater Dei, imbeżża’ li ser tmut. Din it-turista Amerikana ġiet Malta għal vaganza iżda bdiet tkorri. It-tobba stqarrew li minkejja li qalb il-fetu għadha qed tħabbat ma fadallux ċans ta’ ħajja. Andrea Prudente u Jay Weeldreyer ħadu d-deċiżjoni iebsa li jwaqqfu t-tqala, iżda f’kuntest ta’ fetu b’qalb tħabbat il-liġijiet antikwati ta’ Malta ma jippermettux li t-tobba jieħdu azzjoni. Dan minkejja li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, ir-riskju serju li jinqalgħu kumplikazzjonijiet mediċi huwa kbir, b’konsegwenzi ħorox fuq il-mara. Iżda qabel ma l-mara tkun f’riskju imminenti li tmut, it-tobba ma jistgħux jabortu t-tqala. Andrea Prudente u Jay Weeldreyer issa sejrin għall-għajnuna Spanja. Fi żmien tant kiefer u fejn jeħtieġu – partikolarment Andrea Prudente – kull għajnuna medika possibbli, ser ikollhom jitilgħu fuq ajruplan u jivvjaġġaw fit-tul.

Malta tibqa’ pajjiż b’wieħed mill-aktar liġijiet stretti tal-abort fid-dinja. Dan apparti n-nuqqas ta’ servizzi tal-ippjanar tal-familja u l-kontraċezzjoni b’xejn. Il-każ ta’ Andrea Prudente mhuwiex każ iżolat. Ħafna nisa bdew jagħmlu l-kuraġġ u jistqarru li ġralhom l-istess. Ħarġet pereżempju l-istorja ta’ mara Maltija li damet sitt ġimgħat fil-kundizzjoni ferm prekarja ta’ Andrea Prudente. Dawn huma r-riperkussjonijiet tal-istat attwali tal-liġi Maltija fuq l-abort. Attwalment Malta hija l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropeja fejn l-abort ma jista’ jseħħ taħt l-ebda ċirkustanza. Madanakollu madwar 400 mara Maltija jagħmlu abort kull sena billi jsiefru jew billi jordnaw pirmli minn barra. Dan ifisser li minkejja li l-abort mhuwiex legali, Malta għandha l-istess rata medja ta’ abort tal-bqija tal-Unjoni Ewropea. Huwa ċar għalhekk li l-projbizzjoni tal-abort mhijiex qegħda twaqqfu milli jseħħ. Il-liġi Maltija qiegħda tpoġġi prezz għali fuq l-abort għal min ma jistax iħallas għas-safar u qiegħda twaqqaf lin-nisa li jeħtieġu l-abort milli jirċievu l-għajnuna medika li ħaqqhom f’pajjiżhom.

L-abort ma jseħħx mingħajr raġuni. Huwa proċess li jista jkun ta’ uġigħ u trawma, speċjalment minħabba it-tabù madwar is-suġġett. Għal nies bi tqala mhux vijabbli, bħal ta’ Andrea Prudente, l-abort jista’ jsalva ħajjet il-mara u jgħin lilha u lil familtha jiffaċċjaw it-trawma f’ambjent li jista’ joffrilhom il-kura olistika meħtieġa. Lil hinn mill-każ ta’ Andrea Prudente, jeżistu ħafna u ħafna nisa oħra, li minħabba s-saħħa fiżika jew mentali tagħhom, ma jistgħux jgħaddu minn tqala. Oħrajn m’għandhomx l-appoġġ u l-finanzi meħtieġa. 

Il-pubblikazzjoni ‘Dear Decision Makers’ tlaqqgħana pereżempju ma’ nisa li tefgħu ħajjithom f’periklu kbir biex iwaqqfu kull ċans ta’ tqala – mara ħarġet dawra bir-rota f’toroq kollha ħofor biex tweġġa’, oħra xorbot ammonti kbar u oħra ħadet overdose ta’ pilloli li jikkontrollaw it-tqala.

Lil dawn in-nisa ħafna jgħidulhom, ‘imiskom ittuh għall-adozzjoni’. Tajjeb insemmu madanakollu li f’dawn l-aħħar għaxar snin, l-ammont ta’ tfal Maltin li ġew adottati f’pajjiżna huwa 27. U l-ammont ta’ tfal f’Malta li ġew adottati minn barra tul dawn l-aħħar snin huwa 234. Meta tqabbel dan in-numru mal-ammont ta’ nisa f’Malta li jagħmlu abort kull sena tinduna li hemm diskrepanza kbira fin-numri. Naturalment, hemm ukoll problemi kbar bl-idea li n-nisa imisshom jgħaddu minn tqala, iwelldu, u imbagħad jabbandunaw il-persuna li jkunu weldu.

Fit-22 ta’ Ġunju, waqt dimostrazzjoni quddiem il-Parlament biex nesprimu r-rabja tagħna dwar il-każ ta’ Andrea Prudente, ġiet mara fuqna u qaltilna li iktar minn 50 sena ilu għamlet abort. Kienet ixxukkjata kif l-abort f’Malta għadu illegali u li l-ligijiet attwali tal-abort huma l-istess liġijiet li kellna fis-seklu dsatax. Jiena kelli tnax-il sena meta smajt bl-abort. Niftakarni nara filmati ta’ nies fl-Istati Uniti jwerżqu u jgħajru lin-nisa huma u deħlin fil-kliniċi tal-ippjanar tal-familja u saħansitra jippruvaw iweġġgħuhom. Mill-ewwel intbaħt bl-ironija li dawn in-nies iriduha ta’ ‘favur il-ħajja’. Kont xortija tajba biżżejjed li qatt ma wrewni filmati trawmatizzanti biex ibeżżgħuni u jgħiduli li ser immur l-infern jekk qatt nagħmel abort. Hija sfortuna kbira li kelli nitgħallem fuq l-abort waħdi għax dan is-suġġett tabù qatt m’għallmuni fuqu l-iskola.

Imma ma hemmx għalfejn nibqgħu f’dan l-istat. 

Barra minn xtutna jeżistu modi ferm aktar siguri ta’ kif persuna tista’ ttemm it-tqala tagħha. It-tobba jistgħu jagħtu mediċina li twaqqaf it-tqala mingħajr riskju ta’ ħabs jew riskji għal min joħodhom, u l-pazjenti jistgħu jserrħu moħħhom li ħa jkollhom aċċess għall-kura mingħajr ġudizzji fil-każ rari tal-kumplikazzjoniijiet. Ukoll, min ikollu bżonn abort ma jkollux għalfejn jaħbi għax jibża mill-liġijiet drakonjani. Ejja nkomplu nirriflettu fuqhom dawn il-mezzi. Ejja niftħu d-djalogu fuq l-abort fl-iskejjel u l-pjattaformi edukattivi u medjatiċi kollha. Ejja nirrispettaw li dan id-djalogu diffiċli għandna bżonnu. U ejja naħdmu favur il-ħarsien ta’ ħajjet in-nisa dejjem.

Jekk għandek bżonn informazzjoni imparzjali fuq l-abort u kif taċċessah, ikkuntattja lill-FPAS (Family Planning Advisory Service) fuq 2778 0037 jew żur is-sit elettroniku tagħhom. 

Latest from our blog

Last Tuesday, Prime Minister Robert Abela was busy titillating developers with the prospect of changes to the Local Plans that...

Today, three Gozitan NGOs — Għawdix, Din l-Art Ħelwa – Għawdex, and Wirt Għawdex — together with Moviment Graffitti stormed Fort Chambray...

Moviment Graffitti is proud to announce the launch of ‘FEJN KONTU?!’, a commemorative exhibition that marks 30 years of activism...