Moviment Graffitti logo

Latest News

L-arkitettura tal-kruha u l-legat permanenti tal-Awtorità tal-Ippjanar fis-Sannat – Rachel Baldacchino

L-Awtorità tal-Ippjanar illum taqa’ taħt il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi. Jekk il-Ministru Zrinzo Azzopardi jiddeċiedi li f’din il-leġislatura l-ġdida ma jagħmel xejn ħlief li jnaddafha tindifa sew, ikun qiegħed iwettaq fost l-ikbar u l-iktar proġetti radikali u importanti li hawn bżonn urġenti li jsiru f’pajjiżna

Fl-2019, waqt il-programm Xarabank, il-Moviment Graffitti staqsa mistoqsija ċara u importantissima lill-Ministru Ian Borg, li dak iż-żmien kien responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar: Meta ser tieħu azzjoni dwar il-ksur tal-liġi u l-manipulazzjoni tal-prassi fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar? Dakinhar il-Ministru Borg saħaq li fl-Awtorità tal-Ippjanar tirrenja s-saltna tad-dritt u mhux il-kollass legali li jaraw ir-residenti, l-esperti u l-NGOs ambjentali. L-uniku eżempju tas-saltna tad-dritt fl-Awtorità tal-Ippjanar li tana dakinhar il-Ministru Borg huma s-saffi burokratiċi tagħha. Jiġifieri l-fatt li din topera pereżempju f’Kunsill Eżekuttiv, Bord tal-Ippjanar u kumitati oħra, għandna nieħduh bħala xhieda biżżejjed tal-wiċċ nadif tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Mod ieħor jixhdu madanakollu l-kruha u l-qerda li nfirxu fil-gżejjer Maltin tul dawn l-aħħar ħmistax-il sena b’għaġġla mingħajr preċedent. Dawk li kienu l-isbaħ inħawi ta’ Malta u Għawdex, pereżempju l-Imġarr, is-Siġġiewi, ix-Xlendi, il-Qrendi, is-Sannat u l-Qala, illum nafu li huma żoni vittmi tal-ksur tal-liġi fl-Awtorità tal-Ippjanar, vittmi wkoll tan-nuqqas ta’ fibra etika, intelliġenza morali u rieda tajba tal-istess Awtorità u tal-Ministeri kollha li kienu responsabbli għaliha tul dawn l-aħħar snin u li għal raġunijiet, li nafu bihom sew, dejjem ħadu d-deċiżjoni li ma jsibulhiex tarf.

L-attakk li qiegħed irieġi Joseph Portelli bil-għajnuna tal-kumpaniji, l-assoċjazzjonijiet u l-imsieħba fin-negozju miegħu fuq il-Qala, is-Sannat u issa anki l-Qrendi, fost ħafna bliet u rħula oħra, huwa mera ta’ żewġ problemi strutturali u qerrieda fis-sistema tal-Awtorità tal-Ippjanar: il-frammentazzjoni tal-applikazzjonijiet u t-tattika tal-ixkiel burokratiku.

Il-frammentazzjoni tal-applikazzjonijiet qegħdin narawha sseħħ bħalissa fl-applikazzjoni ta’ Portelli għall-iżvilupp ta’ kumpless vast ta’ iktar minn 150 appartament, grupp ta’ pixxini fuq art ODZ u ġonna artifiċjali 300 metru bogħod mill-irdumijiet Ta’ Ċenċ fis-Sannat. Bl-iktar mod qarrieqi u mallizzjuż, dan l-iżvilupp estensiv ta’ Portelli tħalla jinqasam f’ħames applikazzjonijiet separati sabiex jevita kull skrutinju legali li jridu jgħaddu minnu l-proġetti l-kbar, bħal pereżempju l-Valutazzjoni tal-Impatt fuq l-Ambjent.

Issa bdiet ħierġa wkoll evidenza li f’din iż-żona, li hija waħda mill-iktar prezzjużi u ekoloġikament sensittivi tal-gżejjer Maltin, inxtraw ukoll l-għelieqi ta’ madwar il-kumpless propost li jibqgħu sejrin sa xifer l-irdum. L-applikanti jinnegaw bis-sħiħ li x-xogħlijiet illegali li bdew f’dawn l-għelieqi huma relatati mal-iżvilupp tal-appartamenti iżda riċerka sempliċissima turi li wieħed mill-propjetarji tal-art li fuqha għaddejja l-ħidma illegali huwa Portelli. Ma noħduha bi kbira xejn għalhekk li pjan li telaq minn applikazzjoni waħda u li tħalla jinfirex f’minn tal-anqas ħames applikazzjonijiet oħra, huwa pjan għal ‘villaġġ kummerċjali agrikolu’ bħal ta’ Ħal Sagħtrija, bil-konsegwenza wkoll li jagħlaq l-aċċess tal-pubbliku għall-mogħdija li twassal sal-irdumijiet.

Il-proġett ta’ Portelli u l-imsieħba tiegħu fis-Sannat huwa mera tal-mod kif jitħallew jaħdmu t-tattiki tal-ixkiel burokratiku fl-Awtorità tal-Ippjanar. Dan rajnieh pereżempju waqt is-smigħ riċenti ta’ waħda minn dawn il-ħames applikazzjonijiet (PA/02087/21). Tul is-smigħ, l-esperti tal-Awtorità tal-Ippjanar preżentaw riċerka estensiva favur ir-rifjut tal-applikazzjoni, pereżempju għaliex tikser il-limiti tal-għoli ankrati fil-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna. Fl-istess waqt, il-periti ta’ Portelli u tal-imsieħba tiegħu Mark Agius u Daniel Refalo, saħqu li m’għandux ikun il-Bord tal-Ippjanar li jieħu d-deċiżjoni aħħarija dwar dan l-iżvilupp u li l-Bord għandu jfittex u saħanistra joqgħod fuq il-parir tal-Kunsill Eżekuttiv tal-istess Awtorità. Minkejja li l-Kunsill Eżekuttiv m’għandu l-ebda mandat legali li jinvolvi ruħu fl-ipproċessar ta’ tali applikazzjonijiet, il-Bord tal-Ippjanar dakinhar aċċetta bl-ikbar indifferenza u letarġija li jimxi mal-proposti tal-periti ta’ Portelli. Il-Kunsill Eżekuttiv imbagħad mhux talli mar kontra l-fatt li m’għandu l-ebda jedd fuq deċiżjoni bħal din, iżda ħareġ rakkomandazzjoni għall-approvazzjoni tal-proġett.

Apparti l-ħerba tal-iżvilupp fis-Sannat fuq il-karatteristiċi rurali tiegħu, bħall-kwiet u d-djar baxxi, l-arkitettura tal-kruha ta’ Portelli, bil-kummerċjalizzazzjonijiet tagħha ser timpatta wkoll il-ħajja f’Ta’ Ċenċ li hija rikonoxxuta mill-Birdlife International bħala Important Bird Area (IBA), u l-ħajja f’sit kruċjali ta’ Natura 2000, jiġifieri ż-Żona tax-Xlendi u l-Wied tal-Kantra, li hija Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni Internazzjonali u Żona Protetta Speċjali tal-Irdumijiet ta’ Għawdex.

Il-bidla radikali li hemm bżonn fl-Awtorità tal-Ippjanar timpatta l-oqsma kritiċi kollha fil-gżejjer Maltin fosthom is-saħħa mentali tar-residenti li iktar ma jaraw qerda u jitbiegħdu minn ambjenti u ekoloġiji sani iktar sejra lura, il-mard respiratorju li żdied b’mod partikolari fost it-tfal u l-anzjani, il-karattru Mediterranju uniku ta’ dawk li qabel konna nsejħulhom irħula tipiċi tagħna u li issa ma jingħarfux, l-ippjanar u l-estetika intelliġenti fit-toroq, il-ġustizzja soċjali, ambjentali u fil-qasam tal-klima, il-ħarsien tal-wirt ekoloġiku li fadal u l-benesseri tat-tfal, jiġifieri r-rieda li ma nħallulhomx biss blokok kontra blokok ta’ arkitettura tal-kruha, imma spazji pjanati, siguri, varjati, sbieħ u miftuħa. L-arkitettura tal-kruha, u għax hija tal-kruha hija wkoll arkitettura tat-tbatija, huma l-legat permanenti tal-Awtorità tal-Ippjanar.

L-Awtorità tal-Ippjanar illum taqa’ taħt il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi. Jekk il-Ministru Zrinzo Azzopardi jiddeċiedi li f’din il-leġislatura l-ġdida ma jagħmel xejn ħlief li jnaddafha tindifa sew, ikun qiegħed iwettaq fost l-ikbar u l-iktar proġetti radikali u importanti li hawn bżonn urġenti li jsiru f’pajjiżna.

Latest from our blog

Last Tuesday, Prime Minister Robert Abela was busy titillating developers with the prospect of changes to the Local Plans that...

Today, three Gozitan NGOs — Għawdix, Din l-Art Ħelwa – Għawdex, and Wirt Għawdex — together with Moviment Graffitti stormed Fort Chambray...

Moviment Graffitti is proud to announce the launch of ‘FEJN KONTU?!’, a commemorative exhibition that marks 30 years of activism...